Ma
Inħobbok
Mhux dejjem naraw għajn b’għajn
Imma nħobbok
Naf li dejjem pruvajt mill-aħjar li stajt
Biex tagħtini dak li int qatt ma ngħatajt
Imma sfortunatament mhux dejjem irnexxilek
Il-Mulej mhux dejjem provdilek
Jien qatt m’għidtlek meta nqasstni
Meta bin-nuqqas tiegħek warrabtni
Qatt ma ridt niksirlek qalbek
U ngħidlek li ħadd mhu qed jisma talbek
Imma iva Ma,
Weġġgħajt
Għaddejt minn ħafna u int ma taf b’ xejn
Alla ħares tkun taf kif u x’ fatta u fejn
Bħalek Ma,
Għaddejt minn dak li m’ għandu jgħaddi ħadd
Ġarrabt id-dlam
U bkejt fis-solitudni
Imma issa Ma
Sa fl-ahhar...
Inħoss li sibt il-kuntentizza
Inħoss li qbadt it-trejqa li qed nibni jien
Ma rridx nibqa naħbilek iktar
Għajjejt nigdeb u nħaref
Allura għidtlek
Ma flaħtx inżomm iktar
U għidtlek
Kienet diffiċli għax kont beżgħana
Imma ridt naqsam din l-aħbar ferħana
Stennejt li ser tifhimni
Stennejt li xorta waħda ser tibqa tħobbni
Imma
Ir-reazzjoni tiegħek ma kienetx dik li stennejt
Ma kienetx dik li f’ moħħi pinġejt
Għalfejn Ma?
Għalfejn ma tridnix?
Għalfejn mhux taċċettani?
Għidli Ma
Lil min inħobb ma għandux jaffettwa kemm inti tħobb lili
Lil min inħobb ma għandux inessik li jien xorta waħda bintek
Mara offritli dak li dejjem fittixt
Mara għallmitni nagħraf x’inhi l-imħabba
Mara urietni kif jidher id-dawl fost id-dlam
Mara qed tgħini nsir inħobb lili nnifsi
Iva Ma
Inħobb mara
U mhux raġel
Għalfejn qed tħares lejja b’ dak il-mod Ma?
B’ ħarsa ta’ diżappunt
B’ ħarsa ta’ diżgust
Bintek għadni Ma
L-istess b-i-n-t li kont tgħannaq miegħek
Meta kont tħoss li d-dinja qed tikrolla
L-istess b-i-n-t li kont tiftaħar tgħid li hi tiegħek
Lil kull min taf meta tilmaħni fost il-folla
Ħobbni Ma
Nitolbok
L-istess għadni
Biss, ħrigt mill-moħba
15/10/2018
This poem is written in Maltese.